search


interactive GDPR 2016/0679 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2016/0679 MT jump to: cercato: '   fejn' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


index    fejn:


whereas    fejn:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 2004

 

Artikolu 6

Legalità tal-ipproċessar

1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta' data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f'kuntratt;

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma' obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(d)

l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra;

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi biex jadattaw l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' pproċessar għal konformità mal-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 billi jiddeterminaw b'mod aktar preċiż rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar u miżuri oħrajn biex jiġi żgurat ipproċessar legali u ġust inkluż għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX.

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista' jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta' regoli ta' dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta' data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista' tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta' pproċessar u proċeduri ta' pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta' interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

4.   fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta':

(a)

kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

(b)

il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b'mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

(c)

in-natura tad-data personali, b'mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta' data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

(d)

il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

(e)

l-eżistenza ta' salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.

Artikolu 7

Kondizzjonijiet għal kunsens

1.   fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens, il-kontrollur għandu jkun jista' juri li s-suġġett tad-data ta kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu.

2.   Jekk il-kunsens tas-suġġett tad-data jingħata fil-kuntest ta' dikjarazzjoni bil-miktub li tirrigwarda wkoll kwistjonijiet oħra, it-talba għall-kunsens għandha tiġi ppreżentata b'mod li jingħaraf b'mod ċar mill-kwistjonijiet l-oħra, f'forma intelliġibbli u li tkun faċilment aċċessibbli, bl-użu ta' lingwaġġ ċar u sempliċi. Kwalunkwe parti minn tali dikjarazzjoni li tikkostitwixxi ksur ta' dan ir-Regolament m'għandhiex tkun vinkolanti.

3.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jirtira l-kunsens tiegħu fi kwalunkwe ħin. L-irtirar tal-kunsens ma għandux jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar ibbażat fuq kunsens qabel ma dan jiġi rtirat. Qabel ma jagħti l-kunsens, is-suġġett tad-data għandu jiġi informat b'dan. Għandu jkun faċli li jiġi rtirat kunsens daqs kemm li dan jingħata.

4.   Meta jiġi vvalutat jekk il-kunsens ikunx ingħata b'mod liberu, għandu jittieħed kont sħiħ tal-fatt jekk, inter alia, l-eżekuzzjoni ta' kuntratt, inkluż il-provvista ta' servizz, tkunx kondizzjonata fuq il-kunsens għall-ipproċessar ta' data personali li ma jkunx meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta' dak il-kuntratt.

Artikolu 8

Kondizzjonijiet applikabbli għall-kunsens ta' minorenni fir-rigward tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni

1.   fejn ikun japplika l-punt (a) tal-Artikolu 6(1), fir-rigward tal-offerta ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni direttament lil minorenni, l-ipproċessar tad-data personali ta' minorenni jkun skont il-liġi fejn il-minorenni jkollu mill-inqas l-età ta' 16-il sena. Fejn il-minorenni jkollu anqas minn 16-il sena, tali pproċessar ikun legali biss jekk, u sal-punt li, il-kunsens jingħata jew jiġi awtorizzat mid-detentur tar-responsabbiltà ta' ġenitur fuq il-minorenni.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal età inqas għal dawk il-finijiet sakemm tali età inqas ma tkunx inqas minn 13-il sena.

2.   Il-kontrollur għandu jagħmel sforzi raġonevoli biex jivverifika f'tali każijiet li l-kunsens jingħata jew jiġi awtorizzat mid-detentur tar-responsabbiltà ta' ġenitur fuq il-minorenni, b'kont meħud tat-teknoloġija disponibbli.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa d-dritt ġenerali tal-Istati Membri dwar il-kuntratti bħar-regoli dwar il-validità, it-tiswir jew l-effett ta' kuntratt fir-rigward ta' minorenni.

Artikolu 11

Ipproċessar li ma jeħtieġx identifikazzjoni

1.   Jekk il-finijiet li għalihom il-kontrollur jipproċessa data personali ma jeħtiġux jew ma għadhomx jeħtieġu l-identifikazzjoni ta' suġġett tad-data mill-kontrollur, il-kontrollur ma għandux ikun obbligat li jżomm, jikseb jew jipproċessa informazzjoni addizzjonali sabiex jidentifika s-suġġett tad-data għall-unika raġuni li jikkonforma ma' dan ir-Regolament.

2.   fejn, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-kontrollur ikun jista' juri li mhuwiex f'pożizzjoni li jidentifika s-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data b'dan, jekk possibbli. F'tali każijiet, l-Artikoli 15 sa 20 ma japplikawx għajr fejn is-suġġett tad-data, għall-fini li jeżerċita d-drittijiet tiegħu taħt dawk l-Artikoli, jipprovdi informazzjoni addizzjonali li tippermetti li huwa jiġi identifikat.

KAPITOLU III

Drittijiet tas-suġġett tad-data

Taqsima 1

Trasparenza u modalitajiet

Artikolu 13

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data

1.   fejn data personali relatata ma' suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:

(a)

l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur;

(b)

id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli;

(c)

l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;

(d)

fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza;

(e)

ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu;

(f)

fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta' deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni, jew fil-każ ta' trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi li bihom tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli.

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu, meta tinkiseb id-data personali, jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni ulterjuri li ġejja meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti:

(a)

il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;

(b)

l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data;

(c)

fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta' kunsens qabel l-irtirar tiegħu;

(d)

id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja;

(e)

jekk il-forniment ta' data personali huwiex rekwiżit statutorju jew kuntrattwali, jew rekwiżit meħtieġ biex wieħed jidħol f'kuntratt, kif ukoll jekk is-suġġett tad-data huwiex obbligat jipprovdi d-data personali u l-konsegwenzi possibbli meta wieħed jonqos milli jipprovdi tali data;

(f)

l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta' profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data.

3.   fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inġabret id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b'informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn is-suġġett tad-data diġà jkollu l-informazzjoni.

Artikolu 14

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data

1.   fejn ma tkunx inkisbet data personali mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur;

(b)

id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli;

(c)

l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;

(d)

il-kategoriji ta' data personali inkwistjoni;

(e)

ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu;

(f)

fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lil riċevitur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta' deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni, jew fil-każ ta' trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi biex tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli;

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat pproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data:

(a)

il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;

(b)

fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza;

(c)

l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data u li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data;

(d)

fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta' kunsens qabel l-irtirar tiegħu;

(e)

id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja;

(f)

minn liema sors toriġina d-data personali, u fejn applikabbli jekk oriġinatx minn sorsi aċċessibbli għall-pubbliku;

(g)

l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta' profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data.

3.   Il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:

(a)

fi żmien perijodu ta' żmien raġonevoli wara l-kisba tad-data personali, iżda mhux aktar tard minn xahar, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tiġi pproċessata d-data personali;

(b)

jekk id-data personali għandha tintuża għal komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, sa mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni lil dak is-suġġett tad-data; jew

(c)

jekk ikun previst żvelar lil riċevitur ieħor, mhux aktar tard minn meta d-data personali tkun ġiet żvelata l-ewwel darba.

4.   fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inkisbet id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b'informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn:

(a)

is-suġġett tad-data diġà għandu l-informazzjoni;

(b)

il-provvista ta' tali informazzjoni tkun impossibbli li sseħħ jew tkun teħtieġ sforz sproporzjonat; b'mod partikolari għall-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika soġġett għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fl-Artikolu 89(1) jew sa fejn l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jkun ser jagħmilha impossibbli jew ixekkel serjament il-kisba tal-objettivi ta' dak l-ipproċessar. F'tali każijiet il-kontrollur għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, inkluż li jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku;

(c)

il-kisba jew l-iżvelar hu espressament stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha hu soġġett il-kontrollur u li tipprevedi miżuri adatti għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jew

(d)

fejn id-data personali jkollha tibqa' kunfidenzjali soġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali regolata mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, inkluż l-obbligu statutorju ta' segretezza.

Artikolu 15

Dritt ta' aċċess mis-suġġett tad-data

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-finijiet tal-ipproċessar;

(b)

il-kategoriji ta' data personali inkwistjoni;

(c)

ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali, b'mod partikolari riċevituri f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

fejn possibbli, il-perijodu mbassar li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk mhux possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;

(e)

l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur rettifika jew tħassir tad-data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għal tali pproċessar;

(f)

id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja;

(g)

fejn id-data personali ma tinġabarx mis-suġġett tad-data, kwalunkwe informazzjoni disponibbli rigward is-sors tagħhom;

(h)

l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil ta' profili, imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u, għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data.

2.   fejn id-data personali tkun trasferita lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jiġi informat rigward is-salvagwardji adatti skont l-Artikolu 46 rigward it-trasferiment.

3.   Il-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. Għal aktar kopji mitluba mis-suġġett tad-data, il-kontrollur jista' jimponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi. Fejn is-suġġett tad-data jagħmel it-talba b'mezzi elettroniċi, u sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor mis-suġġett tad-data, l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f'forma elettronika użata b'mod komuni.

4.   Id-dritt li tinkiseb kopja msemmija fil-paragrafu 3 ma għandux jaffettwa b'mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

Taqsima 3

Rettifika u tħassir

Artikolu 17

Dritt għal tħassir (“dritt li wieħed jintesa”)

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta' data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

id-data personali ma tkunx għadha meħtieġa fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet ipproċessata mod ieħor id-data;

(b)

is-suġġett tad-data jirtira l-kunsens li fuqu huwa bbażat l-ipproċessar skont l-Artikolu 6(1)(a) jew l-Artikolu 9(2)(a) u fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni legali għall-ipproċessar;

(c)

is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) u ma jkun hemm l-ebda raġuni leġittima prevalenti għall-ipproċessar, jew is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(2);

(d)

id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment;

(e)

id-data personali tkun trid titħassar biex ikun hemm konformità ma' obbligu legali fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(f)

id-data personali tkun inġabret fir-rigward tal-offerta ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1).

2.   fejn il-kontrollur ikun ippubblika d-data personali u jiġi obbligat skont il-paragrafu 1 li jħassar id-data personali, il-kontrollur, b'kont meħud tat-teknoloġija disponibbli u l-ispiża tal-implimentazzjoni, għandu jieħu passi raġonevoli, inklużi miżuri tekniċi, biex jinforma lill-kontrolluri li jkunu qegħdin jipproċessaw id-data personali, li s-suġġett tad-data talabhom iħassru kwalunkwe konnessjoni għal dik id-data personali, jew koppja jew replika tagħha.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw sakemm dak l-ipproċessar jkun meħtieġ:

(a)

għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta' espressjoni u informazzjoni;

(b)

għal konformità ma' obbligu legali li jeħtieġ ipproċessar skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew għat-twettiq ta' kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(c)

għal raġunijiet ta' interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika f'konformità mal-punti (h) u (i) tal-Artikolu 9(2) kif ukoll mal-Artikolu 9(3);

(d)

għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika skont l-Artikolu 89(1) sa fejn id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 x'aktarx ikun ser jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament il-ksib tal-objettivi ta' dak l-ipproċessar; jew

(e)

għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali.

Artikolu 18

Dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur ir-restrizzjoni tal-ipproċessar fejn tkun tapplika waħda minn dawn:

(a)

is-suġġett tad-data jikkontesta l-eżattezza tad-data personali, għal perijodu li jippermetti li l-kontrollur jivverifika l-eżattezza tad-data personali;

(b)

l-ipproċessar huwa illegali u s-suġġett tad-data jopponi t-tħassir tad-data personali u jitlob minflok ir-restrizzjoni tal-użu tagħha;

(c)

il-kontrollur ma jkollux aktar bżonn tad-data personali għall-għanijiet tal-ipproċessar, iżda din tkun meħtieġa mis-suġġett tad-data għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali;

(d)

is-suġġett tad-data jkun oġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) sakemm jiġi vverifikat jekk il-kriterji leġittimi tal-kontrollur jegħlbux dawk tas-suġġett tad-data.

2.   fejn l-ipproċessar jkun ġie ristrett skont il-paragrafu 1, tali data personali tista', bl-eċċezzjoni tal-ħażna, tiġi pproċessata biss bil-kunsens tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali jew għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuna fiżika jew ġuridika oħra jew għal raġunijiet ta' interess pubbliku importanti tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.

3.   Is-suġġett tad-data li kiseb ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont il-paragrafu 1 għandu jiġi infurmat mill-kontrollur qabel ma titneħħa r-restrizzjoni tal-ipproċessar.

Artikolu 21

Dritt ta' oġġezzjoni

1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta' data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-Artikolu 6(1), inkluż it-tfassil ta' profili abbażi ta' dawk id-dispożizzjonijiet. Il-kontrollur ma għandux jibqa' jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta' talbiet legali.

2.   fejn tiġi pproċessata data personali għal għanijiet diretti ta' kummerċjalizzazzjoni, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah għal tali kummerċjalizzazzjoni, li tinkludi t-tfassil tal-profili sa fejn huwa marbut ma' tali kummerċjalizzazzjoni diretta.

3.   fejn is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar għal għanijiet ta' kummerċjalizzazzjoni diretta, id-data personali ma għandhiex tibqa' tiġi pproċessata għal tali għanijiet.

4.   Mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, id-dritt imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jinġieb għall-attenzjoni tas-suġġett tad-data b'mod espliċitu u għandu jiġi ppreżentat b'mod ċar u separatament minn kwalunkwe informazzjoni oħra.

5.   Fil-kuntest tal-użu ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u minkejja d-Direttiva 2002/58/KE, is-suġġett tad-data jista' jeżerċita d-dritt tiegħu li joġġezzjona b'mezzi awtomatizzati bl-użu ta' speċifikazzjonijiet tekniċi.

6.   fejn tiġi pproċessata data personali għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika skont l-Artikolu 89(1), is-suġġett tad-data, għal raġunijiet marbutin mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, għandu d-dritt li joġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali li tikkonċernah, sakemm l-ipproċessar ma jkunx neċessarju għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq għal raġunijiet ta' interess pubbliku.

Artikolu 24

Responsabbiltà tal-kontrollur

1.   B'kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta' probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura u jkun jista' juri li l-ipproċessar isir f'konformità ma' dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati fejn meħtieġ.

2.   fejn dawn ikunu proporzjonati fir-rigward ta' attivitajiet ta' pproċessar, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-implimentazzjoni ta' politiki adatti dwar il-protezzjoni tad-data mill-kontrollur.

3.   Il-konformità mal-kodiċijiet tal-kondotta kif imsemmi fl-Artikolu 40 jew mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni approvati kif imsemmi fl-Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih tintwera l-konformità mal-obbligi tal-kontrollur.

Artikolu 26

Kontrolluri konġunti

1.   fejn żewġ kontrolluri jew aktar jiddeterminaw flimkien l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, huma għandhom ikunu kontrolluri konġunti. Huma għandhom b'mod trasparenti jistabbilixxu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u l-kompiti rispettivi tagħhom biex jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14, permezz ta' arranġament bejniethom ħlief jekk, u sa fejn, ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri jkunu stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għalihom il-kontrolluri jkunu soġġetti. L-arranġament jista' jaħtar punt ta' kuntatt għas-suġġetti tad-data.

2.   L-arranġament imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jirrifletti kif xieraq ir-rwoli u relazzjonijiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti vis-à-vis is-suġġetti tad-data. L-essenza tal-arranġament għandha ssir disponibbli għas-suġġett tad-data.

3.   Irrispettivament mit-termini tal-arranġament imsemmi fil-paragrafu 1, is-suġġett tad-data jista' jeżerċita d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament fir-rigward ta', u kontra, kull wieħed mill-kontrolluri

Artikolu 27

Rappreżentanti ta' kontrolluri jew proċessuri mhux stabbiliti fl-Unjoni

1.   fejn japplika l-Artikolu 3(2), il-kontrollur jew il-proċessur għandu jaħtar bil-miktub rappreżentant fl-Unjoni.

2.   L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandux japplika għal:

(a)

l-ipproċessar li jkun okkażjonali, ma jinkludix, fuq skala kbira, l-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) jew l-ipproċessar ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati msemmijin fl-Artikolu 10, u li probabbilment mhux ser jirriżulta f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, b'kont meħud tan-natura, il-kuntest, l-ambitu u l-għanijiet tal-ipproċessar; jew

(b)

awtorità jew korp pubbliku.

3.   Ir-rappreżentant għandu jkun stabbilit f'wieħed mill-Istati Membri fejn jinsabu s-suġġetti tad-data, lid-data personali tagħhom tiġi pproċessata fir-rigward ta' offerti ta' prodotti jew servizzi lilhom, jew li l-imġiba tagħhom tkun issorveljata.

4.   Ir-rappreżentant għandu jkollu l-mandat mill-kontrollur jew mill-proċessur li jiġi indirizzat, b'mod partikolari mill-awtoritajiet superviżorji u mis-suġġetti tad-data, flimkien mal-kontrollur jew mal-proċessur jew minflokhom, dwar il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-ipproċessar, sabiex tkun żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament.

5.   Il-ħatra ta' rappreżentant mill-kontrollur jew mill-proċessur għandha tkun mingħajr preġudizzju għal azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-kontrollur jew il-proċessur innifishom.

Artikolu 28

Proċessur

1.   fejn l-ipproċessar ikun ser isir f'isem kontrollur, il-kontrollur għandu juża biss proċessuri li jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

2.   Il-proċessur m'għandux jimpjega proċessur ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub, speċifika jew ġenerali, minn qabel tal-kontrollur. Fil-każ tal-awtorizzazzjoni ġenerali bil-miktub, il-proċessur għandu jgħarraf lill-kontrollur bi kwalunkwe intenzjoni ta' tibdil rigward iż-żieda jew is-sostituzzjoni ta' proċessuri oħrajn, biex b'hekk jagħti l-opportunità lill-kontrollur joġġezzjona għal tali bidliet.

3.   L-ipproċessar minn proċessur għandu jkun regolat minn kuntratt jew att legali ieħor taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li jorbot lill-proċessur fir-rigward tal-kontrollur, u li jistabbilixxi s-suġġett u t-tul tal-ipproċessar, in-natura u l-għan tal-ipproċessar, it-tip ta' data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data u l-obbligi u d-drittijiet tal-kontrollur. Dak il-kuntratt jew att legali ieħor għandu jistipula, b'mod partikolari, li l-proċessur:

(a)

jipproċessa d-data personali fil-każ biss ta' istruzzjonijiet dokumentati mill-kontrollur, inkluż fir-rigward tat-trasferimenti tad-data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, ħlief jekk ikun obbligat jagħmel dan skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li l-proċessur ikun soġġett għalih; f'dak il-każ, il-proċessur għandu jinforma lill-kontrollur b'dak ir-rekwiżit legali qabel l-ipproċessar, ħlief jekk dik il-liġi tipprojbixxi dik l-informazzjoni għal raġunijiet importanti ta' interess pubbliku;

(b)

jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew li jkunu taħt obbligu statutorju xieraq ta' kunfidenzjalità;

(c)

jieħu l-miżuri kollha mitluba skont l-Artikolu 32;

(d)

jirrispetta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 għall-impjegar ta' proċessur ieħor;

(e)

jieħu kont tan-natura tal-ipproċessar, jassisti lill-kontrollur permezz ta' miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sa fejn dan ikun possibbli, għat-twettiq tal-obbligu tal-kontrollur li jwieġeb għat-talbiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data mniżżla fil-Kapitolu III;

(f)

jassisti lill-kontrollur sabiex jassigura l-konformità mal-obbligi skont l-Artikoli 32 sa 36 waqt li titqies in-natura tal-ipproċessar u l-informazzjoni disponibbli lill-proċessur;

(g)

fuq l-għażla tal-kontrollur, iħassar jew jirritorna d-data personali kollha lill-kontrollur wara li jintemm il-forniment ta' servizzi relatati mal-ipproċessar ta' data, u jħassar il-kopji eżistenti sakemm il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru ma tirrikjedix li d-data personali tinħażen;

(h)

jagħmel disponibbli għall-kontrollur kull informazzjoni meħtieġa biex tintwera l-konformità mal-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu u jippermetti u jikkontribwixxi għal verifiki, inklużi ispezzjonijiet imwettqa mill-kontrollur jew minn awditur ieħor li jkun ingħata l-mandat mill-kontrollur.

Fir-rigward tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu, il-proċessur għandu minnufih jgħarraf lill-kontrollur jekk, fl-opinjoni tiegħu, istruzzjoni tikser dan ir-Regolament jew dispożizzjonijiet oħrajn tal-Unjoni jew ta' Stat Membru dwar il-protezzjoni tad-data.

4.   fejn proċessur jimpjega proċessur ieħor biex iwettaq attivitajiet speċifiċi ta' pproċessar f'isem il-kontrollur, l-istess obbligi ta' protezzjoni tad-data kif jinsabu fil-kuntratt jew att legali ieħor bejn il-kontrollur u l-proċessur kif imsemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jiġu imposti fuq dak il-proċessur l-ieħor permezz ta' kuntratt jew att legali ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li b'mod partikolari jagħtu garanziji suffiċjenti biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Fejn dak il-proċessur l-ieħor jonqos milli jħares l-obbligi tiegħu għall-protezzjoni tad-data, il-proċessur inizjali għandu jibqa' kompletament responsabbli quddiem il-kontrollur għat-twettiq tal-obbligi ta' dak il-proċessur l-ieħor.

5.   Il-konformità minn proċessur ma' kodiċi ta' kondotta approvat kif imsemmi fl- Artikolu 40 jew mekkaniżmu ta' ċertifikazzjoni approvat kif imsemmi fl- Artikolu 42 jistgħu jintużaw bħala element li bih jintwerew il-garanziji suffiċjenti kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 ta'dan l-Artikolu.

6.   Mingħajr preġudizzju għal kuntratt individwali bejn il-kontrollur u l-proċessur, il-kuntratt jew l-att legali l-ieħor imsemmi fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu jistgħu jkunu bbażati, b'mod sħiħ jew parzjalment, fuq klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fil-paragrafi 7 u 8 ta'dan l-Artikolu inkluż meta jagħmlu parti minn ċertifikazzjoni mogħtija lill-kontrollur jew lill-proċessur skont l-Artikoli 42 u 43.

7.   Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi klawżoli kuntrattwali standard għal kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

8.   Awtorità superviżorja tista' tadotta klawżoli kuntrattwali standard għall-kwistjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 u 4 ta'dan l-Artikolu u f'konformità mal-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

9.   Il-kuntratt jew l-att legali ieħor imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 għandu jkun bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.

10.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 82, 83 u 84, jekk proċessur jikser dan ir-Regolament billi jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, il-proċessur għandu jitqies bħala kontrollur fir-rigward ta' dak l-ipproċessar.

Artikolu 33

Notifika ta' ksur ta' data personali lill-awtorità superviżorja

1.   Fil-każ ta' ksur ta' data personali, il-kontrollur għandu mingħajr dewmien bla bżonn u, fejn fattibbli, mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li jkun sar jaf bih, jinnotifika l-ksur tad-data personali lill-awtorità superviżorja kompetenti f'konformità mal-Artikolu 55 ħlief jekk il-ksur ta' data personali x'aktarx ma jirriżultax f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi. Fejn in-notifika lill-awtorità superviżorja ma ssirx fi żmien 72 siegħa, hija għandha tkun akkumpanjata minn raġunijiet għad-dewmien.

2.   Il-proċessur għandu jinnotifika lill-kontrollur mingħajr dewmien żejjed wara li jkun sar konxju ta' ksur ta' data personali.

3.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha mill-inqas:

(a)

tiddeskrivi n-natura tal-ksur ta' data personali inklużi, fejn hu possibbli, il-kategoriji u n-numru approssimattiv tas-suġġetti tad-data kkonċernati u l-kategoriji u n-numru approssimattiv ta' data personali rreġistrata kkonċernata;

(b)

tagħti l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jew ta' punt ta' kuntatt ieħor minn fejn tista' tinkiseb aktar informazzjoni;

(c)

tiddeskrivi l-konsegwenzi mistennija tal-ksur ta' data personali;

(d)

tiddeskrivi l-miżuri mittieħda jew proposti li jridu jittieħdu mill-kontrollur sabiex jindirizza l-ksur ta' data personali, inkluż, fejn xieraq, miżuri biex itaffi l-effetti ħżiena possibbli.

4.   fejn, u sa fejn mhuwiex possibbli li tiġi pprovduta l-informazzjoni fl-istess ħin, l-informazzjoni tista' tiġi pprovduta f'fażijiet mingħajr dewmien bla bżonn.

5.   Il-kontrollur għandu jiddokumenta kwalunkwe ksur ta' data personali, inklużi l-fatti relattivi għall-ksur tad-data personali, l-effetti tiegħu u l-azzjoni ta' rimedju meħuda. Dik id-dokumentazzjoni għandha tippermetti lill-awtorità superviżorja tivverifika l-konformità ma' dan l-Artikolu.

Artikolu 35

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data

1.   fejn tip ta' pproċessar, b'mod partikolari bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, u waqt li jittieħed kont tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar, x'aktarx jirriżulta f'livell għoli ta' riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu, qabel l-ipproċessar, iwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta' pproċessar previsti fuq il-protezzjoni tad-data personali. Valutazzjoni waħda tista' tindirizza sett ta' operazzjonijiet tal-ipproċessar simili li jippreżentaw riskji għolja simili.

2.   Il-kontrollur għandu jfittex il-parir tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn ikun maħtur, meta jwettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.

3.   Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha b'mod partikolari tkun meħtieġa fil-każ ta':

(a)

evalwazzjoni sistematika u estensiva tal-aspetti personali relatati ma' persuni fiżiċi, li hija bbażata fuq l-ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil tal-profili, u li fuqhom huma bbażati deċiżjonijiet li jipproduċu effetti legali li jikkonċernaw lill-persuna fiżika jew li jaffettwaw b'mod sinifikanti b'mod simili lill-persuna fiżika;

(b)

l-ipproċessar fuq skala kbira ta' kategoriji speċjali ta' data msemmija fl-Artikolu 9(1), jew ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10; jew

(c)

il-monitoraġġ sistematiku ta' żona aċċessibbli għall-pubbliku fuq skala kbira.

4.   L-awtorità superviżorja għandha tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta' attivitajiet ta' pproċessar li huma soġġetti għat-talba ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data skont il-paragrafu 1. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawk il-listi lill-Bord imsemmi fl-Artikolu 68.

5.   L-awtorità superviżorja tista' wkoll tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta' attivitajiet ta' pproċessar li għalihom ma tkun meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawn il-listi lill-Bord.

6.   Qabel l-adozzjoni tal-listi msemmija fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tapplika l-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63 fejn tali listi jinvolvu attivitajiet ta' pproċessar li huma marbuta mal-offerta ta' oġġetti jew servizzi lis-suġġetti tad-data jew għall-monitoraġġ tal-imġiba tagħhom f'diversi Stati Membri, jew li jista' jaffettwa sostanzjalment il-moviment ħieles tad-data personali fl-Unjoni.

7.   Il-valutazzjoni għandha tinkludi minn tal-inqas:

(a)

deskrizzjoni sistematika tal-operazzjonijiet ta' pproċessar previsti u l-iskopijiet tal-ipproċessar, inkluż fejn applikabbli l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur;

(b)

valutazzjoni tal-bżonn u l-proporzjonalità tal-operazzjonijiet ta' pproċessar b'rabta mal-iskopijiet;

(c)

valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1; u

(d)

il-miżuri previsti biex jindirizzaw ir-riskji, inkluż is-salvagwardji, miżuri ta' sigurtà u mekkaniżmi li jiżguraw il-protezzjoni ta' data personali u li juru l-konformità ma' dan ir-Regolament, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-drittijiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data u persuni oħrajn ikkonċernati.

8.   Il-konformità ma' kodiċi ta' kondotta approvati msemmija fl-Artikolu 40 mill-kontrolluri jew proċessuri rilevanti għandu jittieħed kont tagħhom fil-valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta' pproċessar imwettqa minn tali kontrolluri jew proċessuri, b'mod partikolari għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.

9.   fejn xieraq, il-kontrollur għandu jfittex il-fehmiet tas-suġġetti tad-data jew tar-rappreżentanti tagħhom dwar l-ipproċessar maħsub, mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta' interessi kummerċjali jew pubbliċi jew għas-sigurtà tal-attivitajiet ta' pproċessar.

10.   fejn l-ipproċessar skont il-punt (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1) ikollu bażi legali fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi tal-Istat Membru li l-kontrollur huwa suġġett għaliha, u dik il-liġi tirregola l-operazzjoni jew is-sett ta' operazzjonijiet ta' pproċessar speċifiċi inkwistjoni, u tkun diġà ġiet imwettqa valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data bħala parti minn valutazzjoni tal-impatt ġenerali fil-kuntest tal-adozzjoni ta' dik il-bażi legali, il-paragrafi 1 sa 3 ma għandhomx japplikaw sakemm l-Istati Membri ma jqisux li jkun meħtieġ li ssir tali valutazzjoni qabel l-attivitajiet tal-ipproċessar.

11.   fejn meħtieġ, il-kontrollur għandu jwettaq rieżami biex jevalwa jekk l-ipproċessar ikunx qed isir f'konformità mal-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data mill-inqas meta jkun hemm bidla fir-riskju mill-operazzjonijiet ta' pproċessar.

Artikolu 36

Konsultazzjoni minn qabel

1.   Il-kontrollur għandu jikkonsulta lill-awtorità superviżorja qabel l-ipproċessar fejn valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data taħt l-Artikolu 35 tindika li l-ipproċessar ikun ser jirriżulta f'riskju għoli fin-nuqqas ta' miżuri meħuda mill-kontrollur biex jittaffa r-riskju.

2.   fejn l-awtorità superviżorja tkun tal-opinjoni li l-ipproċessar maħsub imsemmi fil-paragrafu 1 jikser dan ir-Regolament, b'mod partikolari fejn il-kontrollur ma jkunx identifika jew naqqas biżżejjed ir-riskju, l-awtorita' superviżorja għandha, f'perijodu sa tmien ġimgħat wara li tirċievi t-talba għall-konsultazzjoni, tipprovdi parir bil-miktub lill-kontrollur, u, fejn applikabbli għall-proċessur, u tista' tuża kwalunkwe mis-setgħat tagħha msemmija fl-Artikolu 58. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż għal sitt ġimgħat, b'kont meħud tal-kumplessità tal-ipproċessar maħsub. L-awtorita' superviżorja għandha tinforma l-kontrollur, u fejn applikabbli, il-proċessur, dwar kwalunkwe estensjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba għal konsultazzjoni flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien. Dawk il-perijodi jistgħu jiġu sospiżi sakemm l-awtorità superviżorja tkun kisbet informazzjoni li tkun talbet għal finijiet ta' konsultazzjoni.

3.   Meta jikkonsulta lill-awtorità superviżorja skont il-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lill-awtorità superviżorja

(a)

fejn applikabbli, bir-responsabbiltajiet rispettivi ta' kontrollur, kontrolluri u proċessuri konġunti involuti fl-ipproċessar, b'mod partikolari għall-ipproċessar fi ħdan grupp ta' impriżi;

(b)

bil-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar maħsub;

(c)

bil-miżuri u s-salvagwardji previsti biex jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data skont dan ir-Regolament;

(d)

fejn applikabbli, bid-dettalji tal-kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;

(e)

bil-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data prevista fl-Artikolu 35; u

(f)

bi kwalunkwe informazzjoni oħra mitluba mill-awtorità superviżorja.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-awtorità superviżorja matul it-tħejjija ta' proposta għal miżura leġiżlattiva li għandha tiġi adottata minn parlament nazzjonali, jew ta' miżura regolatorja bbażata fuq tali miżura leġiżlattiva li tirrigwarda l-ipproċessar.

5.   Minkejja l-paragrafu 1, il-liġi tal-Istat Membru tista' tirrikjedi li l-kontrolluri jikkonsultaw mal-awtorità superviżorja u jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel minnha b'rabta mal-ipproċessar minn kontrollur għall-prestazzjoni ta' kompitu mwettaq minn kontrollur fl-interess pubbliku, inkluż l-ipproċessar b'rabta mal-protezzjoni soċjali u s-saħħa pubblika.

Taqsima 4

Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

Artikolu 37

Ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

1.   Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jaħtru uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fi kwalunkwe każ fejn:

(a)

l-ipproċessar isir minn awtorità jew korp pubbliku, ħlief għal qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom;

(b)

l-attivitajiet ewlenin tal-kontrollur jew tal-proċessur jikkonsistu f'operazzjonijiet ta' pproċessar li, minħabba n-natura tagħhom, l-ambitu u/jew l-għanijiet tagħhom, jeħtieġu monitoraġġ regolari u sistematiku tas-suġġetti tad-data fuq skala kbira; jew

(c)

l-attivitajiet ewlenin tal-kontrollur jew tal-proċessur jikkonsistu f'ipproċessar fuq skala kbira ta' kategoriji speċjali ta' data skont l-Artikolu 9 u ta' data personali relatata ma' kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10.

2.   Grupp ta' impriżi jista' jaħtar uffiċjal tal-protezzjoni tad-data uniku dment li l-uffiċjal għall-protezzjoni tad-data jkun faċilment aċċessibbli minn kull stabbiliment.

3.   fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun awtorità jew korp pubbliku, jista' jinħatar uffiċjal uniku tal-protezzjoni tad-data għal diversi tali awtoritajiet jew tali korpi, filwaqt li jittieħed kont tal-istruttura organizzattiva u d-daqs tagħhom.

4.   F'każijiet differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur jew il-proċessur jew assoċjazzjonijiet jew korpi oħrajn li jirrappreżentaw kategoriji ta' kontrolluri jew proċessuri jistgħu jew, fejn hu rekwiżit taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, għandhom jaħtru uffiċjal tal-protezzjoni tad-data. L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista' jaġixxi għal dawn l-assoċjazzjonijiet u korpi oħrajn li jirrappreżentaw kontrolluri jew proċessuri.

5.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jinħatar abbażi tal-kwalitajiet professjonali u, b'mod partikolari, l-għarfien espert tal-liġi u tal-prattiki dwar il-protezzjoni tad-data u l-ħila li jwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 39.

6.   L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jista' jkun parti mill-persunal tal-kontrollur jew tal-proċessur, jew iwettaq il-kompiti tiegħu fuq il-bażi ta' kuntratt ta' servizz.

7.   Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jippubblika d-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u jikkomunikhom lill-awtorità superviżorja.

Artikolu 40

Kodiċijiet ta' kondotta

1.   L-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji, il-Bord u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu t-tfassil ta' kodiċijiet ta' kondotta maħsuba biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament, b'kont meħud tal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi setturi tal-ipproċessar u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju.

2.   Assoċjazzjonijiet u korpi oħrajn li jirrappreżentaw kategoriji ta' kontrolluri jew proċessuri jistgħu jħejju kodiċijiet ta' kondotta, jew jemendaw jew jestendu dawn il-kodiċijiet, bil-għan li jispeċifikaw l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, bħal fil-rigward ta':

(a)

l-ipproċessar ġust u trasparenti;

(b)

l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrolluri f'kuntesti speċifiċi;

(c)

il-ġbir tad-data personali;

(d)

il-psewdonimizzazzjoni ta' data personali;

(e)

l-informazzjoni provduta lill-pubbliku u lis-suġġetti tad-data;

(f)

l-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data;

(g)

l-informazzjoni provduta lil, u l-protezzjoni ta', minorenni, u l-mod kif jinkiseb il-kunsens tad-detenturi tar-responsabbiltà ta' ġenituri fir-rigward ta' minorenni;

(h)

il-miżuri u l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 24 u 25 u l-miżuri biex jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar imsemmija fl-Artikolu 32;

(i)

in-notifika ta' ksur ta' data personali lill-awtoritajiet superviżorji u l-komunikazzjoni ta' tali ksur ta' data personali lis-suġġetti tad-data;

(j)

trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali; jew

(k)

proċeduri barra l-qorti u proċeduri oħrajn ta' riżoluzzjoni ta' tilwim għas-soluzzjoni ta' tilwim bejn il-kontrolluri u s-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 77 u 79.

3.   Minbarra l-konformità mill-kontrolluri jew il-proċessuri suġġett għal dan ir-Regolament, il-kodiċijiet ta' kondotta approvati skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu u li jkollhom validità ġenerali skont il-paragrafu 9 ta' dan l-Artikolu jistgħu wkoll jiġu osservati minn kontrolluri jew proċessuri li mhumiex soġġetti għal dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3 sabiex jipprovdu salvagwardji xierqa fi ħdan il-qafas ta' trasferimenti ta' data personali lejn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont it-termini msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 46(2). Tali kontrolluri jew proċessuri għandhom jieħdu impenji vinkolanti u eżegwibbli, permezz ta' strumenti kuntrattwali jew strumenti legalment vinkolanti oħra, biex japplikaw dawk is-salvagwardji xierqa, inkluż fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

4.   Kodiċi ta' kondotta msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jkun fih mekkaniżmi li jippermettu lill-korp imsemmi fl-Artikolu 41(1) biex iwettaq il-monitoraġġ obbligatorju ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu mill-kontrolluri jew il-proċessuri li japplikawh, mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji li huma kompetenti skont l-Artikolu 55 jew 56.

5.   L-assoċjazzjonijiet u korpi oħra msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu li għandhom l-għan li jħejju kodiċi ta' kondotta jew li jemendaw jew jestendu kodiċi eżistenti, għandhom jippreżentaw l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni lill-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 55. L-awtorità superviżorja għandha tipprovdi opinjoni dwar jekk l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni jikkonformawx ma' dan ir-Regolament u għandha tapprova tali abbozz ta' kodiċi, emenda jew estensjoni jekk hija tqis li jipprovdu biżżejjed salvagwardji xierqa.

6.   fejn l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 5 tapprova l-abbozz ta' kodiċi, jew l-emenda jew l-estensjoni, u fejn il-kodiċi ta' kondotta konċernat mhux marbut mal-attivitajiet ta' pproċessar f'bosta Stati Membri, l-awtorità superviżorja għandha tirreġistra u tippubblika l-kodiċi.

7.   fejn abbozz ta' kodiċi ta' kondotta huwa marbut mal-attivitajiet ta' pproċessar f'bosta Stati Membri, l-awtorità superviżorja li hi kompetenti skont l-Artikolu 55 għandha, qabel ma tapprova l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni, tippreżentahom fil-proċedura msemmija fl-Artikolu 63 lill-Bord li għandu jagħti opinjoni dwar jekk l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni jikkonformawx ma' dan ir-Regolament jew, fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, jipprovdux salvagwardji xierqa.

8.   fejn l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 7 tikkonferma li l-abbozz ta' kodiċi, l-emenda jew l-estensjoni, jikkonformaw ma' dan ir-Regolament, jew, fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jipprovdu salvagwardji xierqa, il-Bord għandu jippreżenta l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni.

9.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tiddeċiedi li l-kodiċijiet ta' kondotta, l-emendi jew l-estensjonijiet approvati ppreżentati lilha skont il-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu għandhom validità ġenerali fi ħdan l-Unjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 93(2).

10.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura r-reklamar xieraq għall-kodiċijiet approvati li jkun ġie deċiż li għandhom validità ġenerali skont il-paragrafu 9.

11.   Il-Bord għandu jiġbor il-kodiċijiet ta' kondotta, l-emendi u l-estensjonijiet kollha f'reġistru u għandu jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku b'mezzi xierqa.

Artikolu 51

Awtorità superviżorja

1.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' persuni fiżiċi b'rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta' data personali fl-Unjoni (“awtorità superviżorja”).

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament madwar l-Unjoni. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni f'konformità mal-Kapitolu VII.

3.   fejn ikunu ġew stabbiliti aktar minn awtorità superviżorja waħda fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jaħtar l-awtorità superviżorja li trid tirrappreżenta dawk l-awtoritajiet fil-Bord u għandu jistabbilixxi l-mekkaniżmu biex jiżgura l-konformità mill-awtoritajiet l-oħra mar-regoli relatati mal-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

4.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jadotta skont dan il-Kapitolu, sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 55

Kompetenza

1.   Kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex twettaq il-kompiti assenjati lilha u l-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lilha f'konformità ma' dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess.

2.   fejn l-ipproċessar titwettaq minn awtoritajiet pubbliċi jew korpi privati li jaġixxu abbażi tal-punt (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1), għandha tkun kompetenti l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru kkonċernat. F'tali każijiet ma japplikax l-Artikolu 56.

3.   L-awtoritajiet superviżorji ma għandhomx ikunu kompetenti li jissorveljaw l-attivitajiet ta' pproċessar ta' qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom.

Artikolu 56

Kompetenza tal-awtorità superviżorja ewlenija

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55, l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha tkun kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex tittratta lment imressaq lilha jew ksur possibbli ta' dan ir-Regolament, jekk is-suġġett ikun marbut biss ma' stabbiliment fl-Istat Membru tagħha jew jaffettwa b'mod sostanzjali suġġetti tad-data fl-Istat Membru tagħha biss.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja għandha tinforma lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar dik il-kwistjoni. F'perijodu ta' tliet ġimgħat wara li tiġi infurmata l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hux ser tittratta l-każ f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60, billi tieħu kont ta' jekk hemm jew m'hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru li l-awtorità superviżorja tkun infurmatha bih.

4.   fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 60. L-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija tista' tissottometti abbozz għal deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tieħu kont bl-akbar reqqa dak l-abbozz meta tkun qed tħejji l-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fl-Artikolu 60(3).

5.   fejn il-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li ma tittrattax il-każ, l-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija għandha tittrattah skont l-Artikoli 61 u 62.

6.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun l-interlokutur uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur.

Artikolu 60

Kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra

1.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f'konformità ma' dan l-Artikolu fi sforz biex jintlaħaq kunsens. L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha bejniethom.

2.   L-awtorità superviżorja ewlenija tista' titlob fi kwalunkwe ħin lil awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra biex jipprovdu assistenza reċiproka skont l-Artikolu 61 u tista' twettaq operazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 62, b'mod partikolari għat-twettiq ta' investigazzjonijiet jew għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' miżura li tikkonċerna kontrollur jew proċessur stabbilit fi Stat Membru ieħor.

3.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika l-informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra. Hija għandha tissottometti mingħajr dewmien abbozz ta' deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom u tieħu kont tal-fehmiet tagħhom.

4.   fejn kwalunkwe mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f'perijodu ta' żmien ta' erba' ġimgħat wara li tkun ġiet ikkonsultata f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, tesprimi oġġezzjoni rilevanti u motivata għall-abbozz ta' deċiżjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha, jekk ma ssegwix l-oġġezzjoni rilevanti u motivata jew tkun tal-fehma li l-oġġezzjoni mhijiex rilevanti jew motivata, tissottometti l-kwistjoni lill-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

5.   fejn l-awtorità superviżorja ewlenija biħsiebha ssegwi l-oġġezzjoni rilevanti u motivata li saret, għandha tissottometti abbozz rivedut ta' deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom. Dak l-abbozz rivedut ta' deċiżjoni għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 4 f'perijodu ta' żmien ta' ġimagħtejn.

6.   fejn l-ebda waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra ma tkun oġġezzjonat għall-abbozz ta' deċiżjoni sottomess mill-awtorità superviżorja ewlenija fil-perijodu msemmi fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jitqiesu li qed jaqblu ma' dak l-abbozz ta' deċiżjoni u għandhom ikunu marbuta bih.

7.   L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta u tinnotifika d-deċiżjoni lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur, skont kif ikun il-każ, u tinforma l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra u lill-Bord dwar id-deċiżjoni inkwistjoni inkluż ġabra fil-qosor tal-fatti u r-raġunijiet rilevanti. L-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq ilment għandha tinforma lill-ilmentatur bid-deċiżjoni.

8.   B'deroga mill-paragrafu 7, fejn ilment jitwarrab jew jiġi miċħud, l-awtorità superviżorja li quddiemha tressaq l-ilment għandha tadotta d-deċiżjoni u tinnotifikaha lill-ilmentatur u għandha tinforma lill-kontrollur b'din.

9.   fejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jaqblu li jwarrbu jew jiċħdu partijiet ta' lment u li jieħdu azzjoni dwar partijiet oħra ta' dak l-ilment, għandha tiġi adottata deċiżjoni separata għal kull waħda minn dawk il-partijiet tal-kwistjoni. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta d-deċiżjoni għall-parti li tikkonċerna azzjonijiet b'rabta mal-kontrollur, għandha tinnotifikaha lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu u għandha tinforma lill-ilmentatur b'dan, waqt li l-awtorità superviżorja tal-ilmentatur għandha tadotta d-deċiżjoni għall-parti li tikkonċerna t-twarrib jew iċ-ċaħda ta' dak l-ilment, u għandha tinnotifikaha lil dak l-ilmentatur u għandha tinforma lill-kontrollur jew il-proċessur b'dan.

10.   Wara li jkun ġie notifikat bid-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija skont il-paragrafi 7 u 9, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata konformità mad-deċiżjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta' pproċessar fil-kuntest tal-istabbilimenti kollha tiegħu fl-Unjoni. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jinnotifika l-miżuri meħuda għall-konformità mad-deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija, li għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra.

11.   fejn, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, awtorità superviżorja kkonċernata jkollha raġunijiet biex tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi l-interessi ta' suġġetti tad-data, għandha tapplika l-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 66.

12.   L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa taħt dan l-Artikolu lil xulxin b'mezzi elettroniċi, bl-użu ta' format standardizzat.

Artikolu 61

Assistenza reċiproka

1.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lil xulxin b'informazzjoni rilevanti u assistenza reċiproka sabiex jimplimentaw u japplikaw dan ir-Regolament b'mod konsistenti, u għandhom jistabbilixxu miżuri għal kooperazzjoni effettiva ma' xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tkopri, b'mod partikolari, talbiet ta' informazzjoni u miżuri superviżorji, bħal talbiet biex jitwettqu awtorizzazzjonijiet u konsultazzjonijiet minn qabel, ispezzjonijiet u investigazzjonijiet.

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex twieġeb għal talba ta' awtorità superviżorja oħra mingħajr dewmien mhux dovut u sa mhux aktar tard minn xahar wara li tirċievi t-talba. Tali miżuri jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, it-trażmissjoni ta' informazzjoni rilevanti dwar it-twettiq ta' investigazzjoni.

3.   It-talbiet għall-assistenza għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż l-għan u r-raġunijiet għat-talba. L-informazzjoni skambjata għandha tintuża biss għall-għan li għalih intalbet.

4.   L-awtorità superviżorja ma għandhiex tirrifjuta li tikkonforma mat-talba ħlief jekk:

(a)

mhijiex kompetenti għas-suġġett tat-talba jew għall-miżuri li qed tintalab teżegwixxi; jew

(b)

il-konformità mat-talba ma tkunx kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tkun soġġetta għaliha l-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba.

5.   L-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba għandha tinforma lill-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba dwar ir-riżultati jew, skont kif ikun il-każ, dwar il-progress jew il-miżuri meħuda sabiex twieġeb għat-talba. L-awtorità superviżorja mitluba għandha tipprovdi r-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut ta' konformità ma' talba.

6.   L-awtoritajiet superviżorji mitluba għandhom, bħala regola, jipprovdu l-informazzjoni mitluba minn awtoritajiet superviżorji oħra b'mezzi elettroniċi, permezz ta' format standardizzat.

7.   L-awtoritajiet superviżorji mitluba ma għandhom jitolbu ebda tariffa għal kwalunkwe azzjoni meħuda minnhom f'konformità ma' talba għal assistenza reċiproka. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jaqblu dwar regoli biex jindennizzaw lil xulxin għal infiq speċifiku li jirriżulta mill-għoti ta' assistenza reċiproka f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

8.   fejn awtorità superviżorja ma tipprovdix l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba minn awtorità superviżorja oħra, l-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba tista' tadotta miżura proviżorja fit-territorju tal-Istat Membru tagħha f'konformità mal-Artikolu 55(1). F'dak il-każ, il-ħtieġa urġenti li taġixxi skont l-Artikolu 66(1) għandha tkun preżunta li ġiet sodisfatta u teħtieġ deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord skont l-Artikolu 66(2).

9.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tispeċifika l-format u l-proċeduri għall-assistenza reċiproka msemmija f'dan l-Artikolu u l-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi fost l-awtoritajiet superviżorji, u bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Bord, b'mod partikolari l-format standardizzat imsemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 93(2).

Artikolu 62

Operazzjonijiet konġunti ta' awtoritajiet superviżorji

1.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom, fejn xieraq, iwettqu operazzjonijiet konġunti inklużi investigazzjonijiet konġunti u miżuri ta' infurzar konġunti li fihom ikunu involuti membri jew persunal tal-awtoritajiet superviżorji ta' Stati Membri oħra.

2.   fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbilimenti f'diversi Stati Membri jew fejn għadd sinifikanti ta' suġġetti tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed x'aktarx li jkun affettwat b'mod sostanzjali minn operazzjonijiet ta' pproċessar, awtorità superviżorja minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa fl-operazzjonijiet konġunti. L-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 56(1) jew (4) għandha tistieden lill-awtorità superviżorja ta' kull wieħed minn dawk l-Istati Membri biex tipparteċipa fl-operazzjonijiet konġunti u għandha twieġeb mingħajr dewmien għat-talba ta' awtorità superviżorja biex tipparteċipa fihom.

3.   Awtorità superviżorja tista', f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, u bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità superviżorja li tissekonda, tikkonferixxi setgħat, inklużi setgħat investigattivi fuq il-membri jew il-persunal involuti f'operazzjonijiet konġunti tal-awtorità superviżorja li tissekonda jew, sa fejn tippermetti l-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti, tippermetti lill-membri jew il-persunal tal-awtorità superviżorja li tissekonda jeżerċita s-setgħat investigattivi tiegħu f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li tissekonda. Tali setgħat investigattivi jistgħu jiġu eżerċitati biss taħt il-gwida u fil-preżenza ta' membri jew persunal tal-awtorità superviżorja ospitanti. Il-membri jew il-persunal tal-awtorità superviżorja li tissekonda għandhom ikunu soġġetti għal-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti.

4.   fejn, f'konformità mal-paragrafu 1, il-persunal ta' awtorità superviżorja li tissekonda jopera fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti għandu jassumi r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tiegħu, inkluża l-imputabbiltà, għal kwalunkwe dannu kkawżat minnhom matul l-operazzjonijiet tiegħu, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jopera.

5.   L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikun ġie kkawżat id-dannu għandu jagħmel tajjeb għal tali dannu bil-kondizzjonijiet applikabbli għad-dannu kkawżat mill-persunal tiegħu stess. L-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li tissekonda li l-persunal tagħha jkun ikkawża dannu lil kwalunkwe persuna fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għandu jrodd lura bis-sħiħ lil dan tal-aħħar kwalunkwe somma li ħallas lill-persuni intitolati f'isimhom.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu vis-à-vis partijiet terzi u bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 5, kull Stat Membru għandu jibqa' lura, fil-każ previst fil-paragrafu 1, milli jitlob rimborż minn Stat Membru ieħor relattivament għal danni msemmija fil-paragrafu 4.

7.   fejn tkun maħsuba operazzjoni konġunta u awtorità superviżorja ma tikkonformax fi żmien xahar mal-obbligu stipulat fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet superviżorji l-oħra jistgħu jadottaw miżura proviżorja fit-territorju tal-Istat Membru li hija kompetenti għalih f'konformità mal-Artikolu 55. F'dak il-każ, il-ħtieġa ta' azzjoni urġenti skont l-Artikolu 66(1) għandu jkun preżunt li hija sodisfatta u teħtieġ opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord skont l-Artikolu 66(2).

Taqsima 2

Konsistenza

Artikolu 64

Opinjoni tal-Bord

1.   Il-Bord għandu joħroġ opinjoni fejn awtorità superviżorja kompetenti tkun biħsiebha tadotta kwalunkwe waħda mill-miżuri hawn taħt. Għal dak il-għan, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tikkomunika l-abbozz ta' deċiżjoni lill-Bord, meta hija:

(a)

ikollha l-għan li tadotta lista tal-operazzjonijiet ta' pproċessar soġġetta għar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4);

(b)

tikkonċerna suġġett skont l-Artikolu 40(7) jekk abbozz ta' kodiċi ta' kondotta jew emenda jew estensjoni ta' kodiċi ta' kondotta jkunux konformit ma' dan ir-Regolament;

(c)

ikollha l-għan li tapprova l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta' korp skont l-Artikolu 41(3) jew korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43(3);

(d)

ikollha l-għan li tiddetermina l-klawżoli standard ta' protezzjoni tad-data msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2) u fl-Artikolu 28(8);

(e)

ikollha l-għan li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 46(3); jew

(f)

ikollha l-għan li tapprova regoli korporattivi vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 47.

2.   Kwalunkwe awtorità superviżorja, il-President tal-Bord jew il-Kummissjoni tista' titlob li kwalunkwe kwistjoni ta' applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f'aktar minn Stat Membru wieħed tiġi eżaminata mill-Bord bil-ħsieb li tinkiseb opinjoni, b'mod partikolari fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx f'konformità mal-obbligi ta' assistenza reċiproka f'konformità mal-Artikolu 61 jew għal operazzjonijiet konġunti f'konformità mal-Artikolu 62.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Bord għandu joħroġ opinjoni dwar is-suġġett sottomess lilu dment li ma jkunx diġà ħareġ opinjoni dwar l-istess suġġett. Dik l-opinjoni għandha tiġi adottata fi żmien tmien ġimgħat b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b'sitt ġimgħat oħra, filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Fir-rigward tal-abbozz ta' deċiżjoni msemmi fil-paragrafu 1 iċċirkolat lill-membri tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5, membru li ma jkunx oġġezzjona f'perijodu raġonevoli indikat mill-President għandu jitqies li jkun qabel mal-abbozz ta' deċiżjoni.

4.   L-awtoritajiet superviżorji u l-Kummissjoni għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jikkomunikaw b'mod elettroniku lill-Bord, bl-użu ta' format standardizzat kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż skont kif ikun il-każ sommarju tal-fatti, l-abbozz ta' deċiżjoni, ir-raġunijiet li jagħmlu l-mogħdija ta' tali miżura meħtieġa, u l-fehmiet ta' awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra.

5.   Il-President tal-Bord għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma b'mod elettroniku:

(a)

lill-membri tal-Bord u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tkun ġiet ikkomunikata lilu bl-użu ta' format standardizzat. Is-segretarjat tal-Bord għandu jipprovdi, fejn meħtieġ, traduzzjonijiet ta' informazzjoni rilevanti; u

(b)

lill-awtorità superviżorja msemmija, skont kif ikun il-każ, fil-paragrafi 1 u 2, u lill-Kummissjoni dwar l-opinjoni u jagħmilha pubblika.

6.   L-awtorità superviżorja kompetenti ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha msemmi fil-paragrafu 1 fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 3.

7.   L-awtorità superviżorja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu kont bl-akbar reqqa tal-opinjoni tal-Bord u fi żmien ġimagħtejn wara li tirċievi l-opinjoni, għandha tikkomunika lill-President tal-Bord b'mod elettroniku jekk ser iżżomm jew temenda l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha u, jekk ikun hemm, l-abbozz emendat ta' deċiżjoni, bl-użu ta' format standardizzat.

8.   fejn l-awtorità superviżorja kkonċernata tinforma lill-President tal-Bord fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu li hija ma tkunx biħsiebha ssegwi, b'mod sħiħ jew parzjali, l-opinjoni tal-Bord, filwaqt li tagħti r-raġunijiet rilevanti, għandu japplika l-Artikolu 65(1).

Artikolu 65

Soluzzjoni għat-tilwim mill-Bord

1.   Sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta u konsistenti ta' dan ir-Regolament f'każijiet individwali, il-Bord għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn, f'każ imsemmi fl-Artikolu 60(4), awtorità superviżorja kkonċernata tkun qajmet oġġezzjoni rilevanti u motivata għal abbozz ta' deċiżjoni tal-awtorità ewlenija jew l-awtorità ewlenija tkun ċaħdet tali oġġezzjoni għar-raġuni li ma tkunx rilevanti jew motivata. Id-deċiżjoni vinkolanti għandha tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li jkunu s-suġġett tal-oġġezzjoni rilevanti u motivata, b'mod partikolari jekk ikunx hemm ksur ta' dan ir-Regolament;

(b)

fejn ikun hemm fehmiet konfliġġenti dwar liema mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati tkun kompetenti għall-istabbiliment ewlieni;

(c)

fejn awtorità superviżorja kompetenti ma titlobx l-opinjoni tal-Bord fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 64(1), jew ma ssegwix l-opinjoni tal-Bord maħruġa taħt l-Artikolu 64. F'dak il-każ, kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata jew il-Kummissjoni tista' tikkomunika l-kwistjoni lill-Bord.

2.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi adottata fi żmien xahar mir-riferiment tas-suġġett minn maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż għal xahar ieħor filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun motivata u indirizzata lill-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati kollha u tkun vinkolanti għalihom.

3.   fejn il-Bord ma setax jadotta deċiżjoni fil-perijodi msemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu jadotta d-deċiżjoni tiegħu fi żmien ġimagħtejn wara l-iskadenza tat-tieni xahar imsemmi fil-paragrafu 2 b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Fejn ikun hemm qasma indaqs bejn il-membri tal-Bord, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata permezz tal-vot tal-President tiegħu.

4.   L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati m'għandhomx jadottaw deċiżjoni dwar is-suġġett ippreżentat lill-Bord skont il-paragrafu 1 matul il-perijodi msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

5.   Il-President tal-Bord għandu jinnotifika, mingħajr dewmien żejjed, id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan. Id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord mingħajr dewmien wara li l-awtorità superviżorja tkun innotifikat id-deċiżjoni finali msemmija fil-paragrafu 6.

6.   L-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha abbażi tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara li l-Bord jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu. L-awtorità superviżorja ewlenija jew, skont kif ikun il-każ, l-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq l-ilment, għandha tinforma lill-Bord dwar id-data meta d-deċiżjoni finali tagħha tkun ġiet innotifikata lill-kontrollur jew il-proċessur u lis-suġġett tad-data rispettivament. Id-deċiżjoni finali tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandha tiġi adottata taħt it-termini tal-Artikolu 60(7), (8) u (9). Id-deċiżjoni finali għandha tirreferi għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għandha tispeċifika li d-deċiżjoni msemmija f'dak il-paragrafu ser tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Bord f'konformità mal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tkun mehmuża mad-deċiżjoni finali.

Artikolu 66

Proċedura ta' urġenza

1.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn awtorità superviżorja kkonċernata tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, hija tista', b'deroga mill-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikoli 63, 64 u 65a jew il-proċedura msemmija fl-Artikolu 60, tadotta minnufih miżuri proviżorji maħsuba biex jipproduċu effetti legali fit-territorju tagħha stess b'perijodu speċifikat ta' validità li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. L-awtorità superviżorja għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika dawk il-miżuri u r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra, lill-Bord u lill-Kummissjoni.

2.   fejn awtorità superviżorja tkun ħadet miżura skont il-paragrafu 1 u tqis li miżuri finali jinħtieġu jiġu adottati b'mod urġenti, hija tista' titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord, billi tagħti r-raġunijiet għat-talba ta' tali opinjoni jew deċiżjoni.

3.   Kwalunkwe awtorità superviżorja tista' titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti, skont kif ikun il-każ, mill-Bord fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx ħadet miżura xierqa f'sitwazzjoni fejn ikun hemm ħtieġa urġenti ta' azzjoni, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għat-talba ta' tali opinjoni jew deċiżjoni, inkluż għall-ħtieġa urġenti ta' azzjoni.

4.   B'deroga mill-Artikolu 64(3) u l-Artikolu 65(2), opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi adottata fi żmien ġimagħtejn permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord.

Artikolu 68

Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

1.   Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (il-“Bord”) huwa b'dan stabbilit bħala korp tal-Unjoni u jkollu personalità ġuridika.

2.   Il-Bord għandu jkun rappreżentat mill-President tiegħu.

3.   Il-Bord għandu jkun magħmul mill-kap ta' awtorità superviżorja ta' kull Stat Membru u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom.

4.   fejn fi Stat Membru jkun hemm aktar minn awtorità superviżorja waħda responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet skont dan ir-Regolament, għandu jinħatar rappreżentant konġunt f'konformità mal-liġi ta' dak l-Istat Membru.

5.   Il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa fl-attivitajiet u l-laqgħat tal-Bord mingħajr dritt tal-vot. Il-Kummissjoni għandha taħtar rappreżentant. Il-President tal-Bord għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-attivitajiet tal-Bord.

6.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 65, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu drittijiet tal-vot biss fuq deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-prinċipji u r-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji, u l-aġenziji tal-Unjoni li jikkorrispondu fis-sustanza ma' dawk ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 70

Kompiti tal-Bord

1.   Il-Bord għandu jiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-Bord għandu b'mod partikolari, fuq inizjattiva tiegħu stess jew, fejn rilevanti, fuq talba tal-Kummissjoni:

(a)

jimmonitorja u jiżgura l-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament fil-każijiet previsti fl-Artikoli 64 u 65 mingħajr preġudizzju għall-kompiti ta' awtoritajiet superviżorji nazzjonali;

(b)

jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni, inkluż dwar kwalunkwe emenda proposta għal dan ir-Regolament;

(c)

jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-format u l-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-kontrolluri, il-proċessuri u l-awtoritajiet superviżorji għar-regoli korporattivi vinkolanti;

(d)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki dwar proċeduri għat-tħassir ta' links, kopji jew repliki ta' data personali minn servizzi ta' komunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 17(2);

(e)

jeżamina, fuq inizjattiva tiegħu stess, fuq talba ta' wieħed mill-membri tiegħu jew fuq talba tal-Kummissjoni, kwalunkwe kwistjoni li tkopri l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki sabiex jinkoraġġixxi l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament;

(f)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u l-kondizzjonijiet għal deċiżjonijiet ibbażati fuq it-tfassil ta' profili skont l-Artikolu 22(2);

(g)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-istabbiliment tal-ksur tad-data personali u d-determinazzjoni tad-dewmien żejjed imsemmi fl-Artikolu 33(1) u (2) u għaċ-ċirkostanzi partikolari li fihom kontrollur jew proċessur ikun meħtieġ jinnotifika il-ksur ta' data personali;

(h)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu fir-rigward taċ-ċirkostanzi li fihom ksur tad-data personali x'aktarx li jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 34(1).

(i)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-fini tal-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u r-rekwiżiti għat-trasferimenti ta' data personali bbażati fuq regoli korporattivi vinkolanti osservati mill-kontrolluri u regoli korporattivi vinkolanti osservati mill-proċessuri u fuq rekwiżiti meħtieġa oħra biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali tas-suġġetti tad-data kkonċernati msemmija fl-Artikolu 47;

(j)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-fini tal-ispeċifikar ulterjuri tal-kriterji u r-rekwiżiti għat-trasferimenti ta' data personali abbażi tal-Artikolu 49(1);

(k)

ifassal linji gwida għall-awtoritajiet superviżorji dwar l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 58(1), (2) u (3) u l-istabbiliment ta' multi amministrattivi skont l-Artikolu 83;

(l)

jirrieżamina l-applikazzjoni prattika tal-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki msemmija fil-punti (e) u (f);

(m)

joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (e) ta' dan il-paragrafu għall-istabbiliment ta' proċeduri komuni għar-rappurtar minn persuni fiżiċi ta' ksur ta' dan ir-Regolament skont l-Artikolu 54(2);

(n)

jinkoraġġixxi t-tfassil ta' kodiċi ta' kondotta u t-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni għall-protezzjoni tad-data u siġilli u marki għall-protezzjoni tad-data skont l-Artikoli 40 u 42;

(o)

iwettaq l-akkreditazzjoni ta' korpi ta' ċertifikazzjoni u r-rieżami perjodiku tiegħu skont l-Artikolu 43 u jżomm reġistru pubbliku ta' korpi akkreditati skont l-Artikolu 43(6) u tal-kontrolluri jew il-proċessuri akkreditati stabbiliti f'pajjiżi terzi skont l-Artikolu 42(7);

(p)

jispeċifika r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 43(3) bil-ħsieb tal-akkreditazzjoni ta' korpi ta' ċertifikazzjoni taħt l-Artikolu 42;

(q)

jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni dwar ir-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43(8);

(r)

jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni dwar l-ikoni msemmija fl-Artikolu 12(7);

(s)

jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni biex tiġi valutata l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluż għall-valutazzjoni jekk pajjiż terz jew territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'dak il-pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali ikunux għadhom jiżguraw livell ta' protezzjoni adegwat. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Bord d-dokumentazzjoni meħtieġa kollha, inkluża korrispondenza mal-gvern tal-pajjiż terz, fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat, jew mal-organizzazzjoni internazzjonali.

(t)

joħroġ opinjonijiet dwar abbozzi ta' deċiżjonijiet ta' awtoritajiet superviżorji skont il-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikolu 64(1), dwar kwistjonijiet sottomessi skont l-Artikolu 64(2) u joħroġ deċiżjonijiet vinkolanti skont l-Artikolu 65, inklużi dawk fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 66;

(u)

jippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju bilaterali u multilaterali effettiv ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet superviżorji;

(v)

jippromwovi programmi ta' taħriġ komuni u jiffaċilita l-iskambji ta' persunal bejn l-awtoritajiet superviżorji u, fejn xieraq, mal-awtoritajiet superviżorji ta' pajjiżi terzi jew mal-organizzazzjonijiet internazzjonali;

(w)

jippromwovi l-iskambju ta' għarfien u dokumentazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-prattika dwar il-protezzjoni tad-data ma' awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data fid-dinja kollha.

(x)

joħroġ opinjonijiet dwar il-kodiċijiet ta' kondotta mfassla fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 40(9); u

(y)

iżomm reġistru elettroniku aċċessibbli għall-pubbliku ta' deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet superviżorji u qrati dwar kwistjonijiet ttrattati fil-mekkaniżmu ta' konsistenza.

2.   fejn il-Kummissjoni titlob parir mill-Bord, hija tista' tindika limitu ta' żmien, filwaqt li tieħu kont tal-urġenza tal-kwistjoni.

3.   Il-Bord għandu jibgħat l-opinjonijiet, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki tiegħu lill-Kummissjoni u lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 93 u jagħmilhom pubbliċi.

4.   Il-Bord għandu, fejn xieraq, jikkonsulta l-partijiet interessati u jagħtihom l-opportunità li jikkummentaw f'perijodu ta' żmien raġonevoli. Il-Bord għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 76, jagħmel disponibbli għall-pubbliku r-riżultati tal-proċedura ta' konsultazzjoni.

Artikolu 75

Segretarjat

1.   Il-Bord għandu jkollu segretarjat, li jiġi pprovdut mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

2.   Is-segretarjat għandu jwettaq il-kompiti tiegħu esklużivament taħt l-istruzzjonijiet tal-President tal-Bord.

3.   Il-persunal tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data involut fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lill-Bord b'dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għal linji ta' rappurtar separati mill-persunal involut fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti fuq il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

4.   fejn xieraq, il-Bord u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw Memorandum ta' Qbil li jimplimenta dan l-Artikolu, jiddetermina t-termini tal-kooperazzjoni tagħhom, u applikabbli għall-persunal tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data involut fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lill-Bord b'dan ir-Regolament.

5.   Is-segretarjat għandu jipprovdi appoġġ analitiku, amministrattiv u loġistiku lill-Bord.

6.   Is-segretarjat għandu jkun responsabbli b'mod partikolari:

(a)

għax-xogħol ta' kuljum tal-Bord;

(b)

għall-komunikazzjoni bejn il-membri tal-Bord, il-President tiegħu u l-Kummissjoni;

(c)

għall-komunikazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra u mal-pubbliku;

(d)

għall-użu ta' mezzi elettroniċi għall-komunikazzjoni interna u esterna;

(e)

għat-traduzzjoni ta' informazzjoni rilevanti;

(f)

għat-tħejjija u s-segwitu tal-laqgħat tal-Bord;

(g)

għat-tħejjija, l-abbozzar u l-pubblikazzjoni ta' opinjonijiet u deċiżjonijiet dwar is-soluzzjoni ta' tilwim bejn awtoritajiet superviżorji u testi oħra adottati mill-Bord.

Artikolu 78

Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta' awtorità superviżorja li tikkonċernaha.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikoli 55 u 56 ma titrattax ilment jew ma tinformax lis-suġġett tad-data fi żmien tliet xhur dwar il-progress jew l-eżitu tal-ilment skont l-Artikolu 77.

3.   Il-proċedimenti kontra awtorità superviżorja għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità superviżorja.

4.   fejn jitressqu proċedimenti kontra deċiżjoni ta' awtorità superviżorja li kienet preċeduta minn opinjoni jew deċiżjoni tal-Bord fil-mekkaniżmu ta' konsistenza, l-awtorità superviżorja għandha tibgħat dik l-opinjoni jew id-deċiżjoni lill-qorti.

Artikolu 81

Sospensjoni ta' proċedimenti

1.   fejn qorti kompetenti ta' Stat Membru jkollha informazzjoni dwar proċedimenti, li jikkonċernaw l-istess suġġett fir-rigward tal-ipproċessar mill-istess kontrollur jew proċessur, li huma pendenti f'qorti fi Stat Membru ieħor, din għandha tikkuntattja lill-qorti fl-Istat Membru l-ieħor biex tikkonferma l-eżistenza ta' tali proċedimenti.

2.   fejn proċedimenti li jikkonċernaw l-istess suġġett fir-rigward tal-ipproċessar tal-istess kontrollur jew proċessur ikunu pendenti f'qorti fi Stat Membru ieħor, kwalunkwe qorti kompetenti, ħlief il-qorti invokata l-ewwel, tista' tissospendi l-proċedimenti tagħha.

3.   fejn dawk il-proċedimenti jkunu pendenti quddiem qrati tal-prim'istanza, kwalunkwe qorti, ħlief il-qorti invokata l-ewwel tista' wkoll, mal-applikazzjoni ta' wieħed mill-partijiet, iċċedi l-ġurisdizzjoni jekk il-qorti invokata l-ewwel ikollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet inkwistjoni u l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom.

Artikolu 82

Dritt għal kumpens u responsabbiltà

1.   Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b'riżultat ta' ksur ta' dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab.

2.   Kwalunkwe kontrollur involut fl-ipproċessar għandu jkunu responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament. Proċessur għandu jkun responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar f'każ biss fejn ma jkunx ikkonforma mal-obbligi ta' dan ir-Regolament diretti b'mod speċifiku lejn il-proċessuri jew fejn ikun aġixxa lil hinn minn jew kontra istruzzjonijiet legali tal-kontrollur.

3.   Kontrollur jew proċessur għandu jkun eżentat mir-responsabbiltà taħt il-paragrafu 2 jekk jagħti prova li bl-ebda mod m'huwa responsabbli għall-avveniment li wassal għad-dannu.

4.   fejn aktar minn kontrollur jew proċessur wieħed, jew kemm kontrollur kif ukoll proċessur, ikunu involuti fl-istess proċediment u fejn, taħt il-paragrafi 2 u 3, ikunu responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-ipproċessar, kull kontrollur jew proċessur għandhom jinżammu responsabbli għad-dannu kollu, sabiex jiġi żgurat kumpens effettiv għas-suġġett tad-data.

5.   fejn kontrollur jew proċessur ikun ħallas, f'konformità mal-paragrafu 4, il-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab, dak il-kontrollur jew il-proċessur għandu jkun intitolat li jitlob lura mill-kontrolluri jew il-proċessuri l-oħra involuti fl-istess ipproċessar dik il-parti tal-kumpens li tikkorrispondi għall-parti tagħhom tar-responsabbiltà għad-dannu, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.

6.   Proċedimenti tal-qorti biex jiġi eżerċitat id-dritt li jiġi riċevut kumpens għandhom jitressqu quddiem il-qrati kompetenti taħt il-liġi tal-Istat Membru msemmija fl-Artikolu 79(2).

Artikolu 83

Kondizzjonijiet ġenerali biex jiġu imposti multi amministrattivi

1.   Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta' multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta' ksur ta' dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f'kull każ individwali.

2.   Il-multi amministrattivi għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali, jiġu imposti flimkien ma', jew minflok, miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) u (j) tal-Artikolu 58(2). Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f'kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:

(a)

in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur b'kont meħud tan-natura, l-ambitu jew il-fini tal-ipproċessar ikkonċernat kif ukoll l-għadd ta' suġġetti tad-data affettwati u l-livell ta' dannu mġarrab minnhom;

(b)

il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

(c)

kwalunkwe azzjoni meħuda mill-kontrollur jew il-proċessur biex jittaffa d-dannu mġarrab mis-suġġetti tad-data;

(d)

il-grad ta' responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur b'kont meħud tal-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati minnu skont l-Artikoli 25 u 32;

(e)

kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti mill-kontrollur jew il-proċessur;

(f)

il-grad ta' kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja, sabiex jiġi rimedjat il-ksur u jittaffew l-effetti avversi possibbli tal-ksur;

(g)

il-kategoriji ta' data personali affettwati mill-ksur;

(h)

il-mod li bih il-ksur sar magħruf mill-awtorità superviżorja, b'mod partikolari jekk, u jekk ikun hekk il-każ sa fejn, il-kontrollur jew il-proċessur innotifika l-ksur;

(i)

fejn miżuri msemmija fl-Artikolu 58(2), ikunu ġew ordnati minn qabel kontra l-kontrollur jew il-proċessur ikkonċernat fir-rigward tal-istess suġġett, il-konformità ma' dawk il-miżuri;

(j)

l-aderenza mal-kodiċijiet approvati ta' kondotta skont l-Artikolu 40 jew mal-mekkaniżmi approvati ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42; u

(k)

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, bħal benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telfiet evitati, direttament jew indirettament, mill-ksur.

3.   Jekk kontrollur jew proċessur, intenzjonalment jew b'negliġenza, għall-istess operazzjonijiet ta' pproċessar jew għal dawk b'rabta ma' xulxin, jikser diversi dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-ammont totali tal-multa amministrattiva ma għandux jaqbeż l-ammont speċifikat għall-ksur l-aktar gravi.

4.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f'konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 10 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 2 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

(a)

l-obbligi tal-kontrollur u tal-proċessur skont l-Artikoli 8, 11, 25 sa 39 u 42 u 43;

(b)

l-obbligi tal-korp ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikoli 42 u 43;

(c)

l-obbligi tal-korp ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 41(4);

5.   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f'konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:

(a)

il-prinċipji bażiċi għall-ipproċessar, inklużi l-kondizzjonijiet għal kunsens, skont l-Artikoli 5, 6, 7 u 9;

(b)

id-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 12 sa 22;

(c)

it-trasferimenti ta' data personali lil riċevitur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikoli 44-49;

(d)

kwalunkwe obbligu skont il-liġi tal-Istat Membru adottat taħt il-Kapitolu IX;

(e)

nuqqas ta' konformità ma' ordni jew limitazzjoni temporanja jew definittiva fuq l-ipproċessar jew is-sospensjoni ta' flussi ta' data mill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 58(2) jew nuqqas milli jingħata aċċess bi ksur tal-Artikolu 58(1).

6.   Nuqqas ta' konformità ma' ordni mill-awtorità superviżjorja kif imsemmija fl-Artikolu 58(2) għandu, f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta' impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla.

7.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat korrettivi ta' awtoritajiet superviżorji skont l-Artikolu 58(2), kull Stat Membru jista' jistipula r-regoli dwar jekk u sa fejn multi amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq awtoritajiet jew korpi pubbliċi stabbiliti f'dak l-Istat Membru.

8.   L-eżerċizzju mill-awtorità superviżorja tas-setgħat tagħha taħt dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji proċedurali xierqa f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi tal-Istat Membru, inklużi rimedju ġudizzjarju u proċess dovut effettivi.

9.   fejn is-sistema legali tal-Istat Membru ma tipprevedix multi amministrattivi, dan l-Artikolu jista' jiġi applikat b'tali mod li l-multa tinbeda mill-awtorità superviżorja kompetenti u tiġi imposta minn qrati nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiġi żgurat li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għall-multi amministrattivi imposti mill-awtoritajiet superviżorji. Fi kwalunkwe każ, il-multi imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tagħhom li huma jadottaw skont dan il-paragrafu sal-25 ta' Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta' emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 89

Salvagwardji u derogi relatati mal-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika

1.   L-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika, għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, f'konformità ma' dan ir-Regolament, għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Dawk is-salvagwardji għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta' minimizzazzjoni tad-data. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu psewdonimizzazzjoni, sakemm dawk il-finijiet jistgħu jiġu sodisfatti b'dak il-mod. Fejn dawk il-finijiet jistgħu jiġu sodisfatti bi pproċessar ulterjuri li ma jippermettix jew ma għadux jippermetti l-identifikazzjoni ta' suġġetti tad-data dawk il-finijiet għandhom jiġu sodisfatti b'dak il-mod.

2.   fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew finijiet ta' statistika, il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tista' tipprevedi derogi mid-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 15, 16, 18 u 21 soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sa fejn tali drittijiet x'aktarx jagħmlu impossibbli jew ifixklu serjament il-ksib tal-finijiet speċifiċi, u tali derogi jkunu meħtieġa għall-issodisfar ta' dawk il-finijiet.

3.   fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tista' tipprevedi derogi mid-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 15, 16, 18, 19, 20 and 21 soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sa fejn tali drittijiet x'aktarx jagħmlu impossibbli jew ifixklu serjament il-ksib tal-finijiet speċifiċi, u tali derogi jkunu meħtieġa għat-twettiq ta' dawk il-finijiet.

4.   fejn l-ipproċessar imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 jservi fl-istess ħin fini ieħor, id-derogi għandhom japplikaw biss għall-ipproċessar għall-finijiet imsemmija f'dawk il-paragrafi.

Artikolu 91

Regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data ta' knejjes u assoċjazzjonijiet reliġjużi

1.   fejn fi Stat Membru, knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi japplikaw, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, regoli komprensivi b'rabta mal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar, tali regoli jistgħu jkomplu japplikaw, dment li dawn jinġiebu f'konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Knejjes u assoċjazzjonijiet reliġjużi li japplikaw regoli komprensivi f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta' awtorità superviżorja indipendenti, li tista' tkun speċifika, dment li hija tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu VI ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU X

Atti delegati u atti ta' implimentazzjoni

Artikolu 93

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

KAPITOLU XI

Dispożizzjonijiet finali


whereas

dal 2004 diritto e informatica